gov.mt

PR261615

PR261615

02/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta tappella għal aktar impenn mal-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar: “Il-prosperità fl-Ewropa tiddependi mill-istabbiltà fil-Mediterran”

Malta appellat għal sħubijiet aktar b'saħħithom bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran waqt il-laqgħa tal-MED9 fi Trogir, il-Kroazja. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne saħaq li l-prosperità u l-istabbiltà fir-reġjun jiddependu minn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran.

Il-Ministru Fearne qal li l-pajjiżi Ewropej tal-Mediterran jirrappreżentaw naħa waħda biss tar-reġjun. “Il-Mediterran mhuwiex fruntiera. Huwa reġjun li naqsmu flimkien," qal il-Ministru. Huwa sostna li biex jissaħħu l-prosperità u l-istabbiltà fil-Mediterran, l-Ewropa jeħtieġ li taħdem aktar mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tagħha fin-Nofsinhar u tħares lejn ir-reġjun b'mod sħiħ.

Huwa saħaq li din il-kooperazzjoni trid tmur lil hinn mill-kwistjoni tal-migrazzjoni. Filwaqt li ddeskriva l-migrazzjoni bħala riżultat ta' sfidi usa', il-Ministru Fearne enfasizza l-ħtieġa għal relazzjonijiet aktar b'saħħithom u kostruttivi mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Il-laqgħa ffukat ukoll fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni Ewropea u t-tkabbir tal-UE, inkluż l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà. Fiż-żewġ diskussjonijiet, il-Ministru Fearne saħaq li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell Ewropew għandhom iwasslu għal titjib konkret fil-ħajja tan-nies.

Dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Ministru qal li l-baġit Ewropew għandu jgħin biex l-Ewropa tkun aktar sigura, kompetittiva u prospera billi jsaħħaħ l-ekonomiji tal-Istati Membri. Huwa saħaq li l-koeżjoni tibqa' essenzjali biex il-pajjiżi kollha jibbenefikaw mill-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa, filwaqt li l-fondi Ewropej għandhom jibqgħu aċċessibbli wkoll għall-Istati Membri ż-żgħar.

Dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ta' Malta għal dan il-proċess, filwaqt li enfasizza l-kontribut li jista' jagħti għall-prosperità u l-istabbiltà u biex isaħħaħ il-vuċi Mediterranja fi ħdan l-Unjoni. Huwa appella biex il-proċessi ta' adeżjoni jimxu 'l quddiem mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li l-kwistjonijiet pendenti jiġu indirizzati qabel is-sħubija. Saħaq ukoll fuq l-importanza li tinżamm l-unanimità f'deċiżjonijiet politiċi ewlenin, sabiex pożizzjonijiet komuni jintlaħqu permezz ta' kunsens u ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jkunu rappreżentati.

Il-Ministru Fearne rrefera wkoll għad-diskussjonijiet mal-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran bħala opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun.​​​

Il-pożizzjoni ta' Malta hija li l-Mediterran m'għandux jitqies bħala fruntiera li tifred lill-Ewropa mill-pajjiżi ġirien tagħha fin-Nofsinhar, iżda bħala reġjun li naqsmu flimkien, fejn il-prosperità u l-istabbiltà jiddependu mill-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

​